interactive GDPR 2016/0679 MT
BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR GA HR HU IT LV LT MT NL PL PT RO SK SL SV print pdf
- 2 Artikolu 6 Legalità tal-ipproċessar
- 1 Artikolu 13 Informazzjoni li għandha tiġi pprovduta fejn tinġabar data personali mis-suġġett tad-data
- 2 Artikolu 14 Informazzjoni li għandha tiġi pprovduta fejn id-data personali ma tkunx inkisbet mis-suġġett tad-data
- 1 Artikolu 15 Dritt ta' aċċess mis-suġġett tad-data
- 2 Artikolu 23 Restrizzjonijiet
- 3 Artikolu 35 Valutazzjoni tal-impatt fuq il-protezzjoni tad-data
- 2 Artikolu 36 Konsultazzjoni minn qabel
- 1 Artikolu 43 Korpi ta' ċertifikazzjoni
- 2 Artikolu 46 Trasferimenti soġġetti għal salvagwardji xierqa
- 1 Artikolu 47 Regoli korporattivi vinkolanti
- 3 Artikolu 56 Kompetenza tal-awtorità superviżorja ewlenija
- 1 Artikolu 62 Operazzjonijiet konġunti ta' awtoritajiet superviżorji
- 1 Artikolu 70 Kompiti tal-Bord
- 1 Artikolu 72 Proċedura
- 1 Artikolu 76 Kunfidenzjalità
- 1 Artikolu 80 Rappreżentanza ta' suġġetti tad-data
- tad-data 127
- superviżorja 87
- personali 71
- fejn 50
- għandu 49
- minn 48
- msemmija 42
- skont 41
- għal 40
- membru 38
- tkun 35
- l-artikolu 34
- għandha 32
- il-kontrollur 32
- biex 32
- l-ipproċessar 31
- tal-ipproċessar 29
- konformità 28
- dwar 27
- jekk 27
- fl-artikolu 27
- data 27
- kwalunkwe 26
- pproċessar 23
- tiegħu 23
- ċertifikazzjoni 23
- għandhom 23
- l-awtorità 22
- vinkolanti 22
- ikun 21
- kompetenti 21
- partikolari 20
- fil-paragrafu 20
- dawk 20
- inkluż 19
- tiġi 19
- jkun 18
- applikabbli 18
- ir-regolament 18
- il-protezzjoni 18
- fejn 18
- tal-protezzjoni 17
- artikolu 16
- l-informazzjoni 16
- il-proċessur 16
- jiġu 16
- lill-awtorità 16
- tista 15
- korporattivi 15
- superviżorji 15
Artikolu 36
Konsultazzjoni minn qabel
1. Il-kontrollur għandu jikkonsulta lill-awtorità superviżorja qabel l-ipproċessar fejn valutazzjoni tal-impatt fuq il-protezzjoni tad-data taħt l-Artikolu 35 tindika li l-ipproċessar ikun ser jirriżulta f'riskju għoli fin-nuqqas ta' miżuri meħuda mill-kontrollur biex jittaffa r-riskju.
2. Fejn l-awtorità superviżorja tkun tal-opinjoni li l-ipproċessar maħsub imsemmi fil-paragrafu 1 jikser dan ir-Regolament, b'mod partikolari fejn il-kontrollur ma jkunx identifika jew naqqas biżżejjed ir-riskju, l-awtorita' superviżorja għandha, f'perijodu sa tmien ġimgħat wara li tirċievi t-talba għall-konsultazzjoni, tipprovdi parir bil-miktub lill-kontrollur, u, fejn applikabbli għall-proċessur, u tista' tuża kwalunkwe mis-setgħat tagħha msemmija fl-Artikolu 58. Dak il-perijodu jista' jiġi estiż għal sitt ġimgħat, b'kont meħud tal-kumplessità tal-ipproċessar maħsub. L-awtorita' superviżorja għandha tinforma l-kontrollur, u fejn applikabbli, il-proċessur, dwar kwalunkwe estensjoni fi żmien xahar minn meta jirċievi t-talba għal konsultazzjoni flimkien mar-raġunijiet għad-dewmien. Dawk il-perijodi jistgħu jiġu sospiżi sakemm l-awtorità superviżorja tkun kisbet informazzjoni li tkun talbet għal finijiet ta' konsultazzjoni.
3. Meta jikkonsulta lill-awtorità superviżorja skont il-paragrafu 1, il-kontrollur għandu jipprovdi lill-awtorità superviżorja
(a) | fejn applikabbli, bir-responsabbiltajiet rispettivi ta' kontrollur, kontrolluri u proċessuri konġunti involuti fl-ipproċessar, b'mod partikolari għall-ipproċessar fi ħdan grupp ta' impriżi; |
(b) | bil-finijiet u l-mezzi tal-ipproċessar maħsub; |
(c) | bil-miżuri u s-salvagwardji previsti biex jipproteġu d-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġetti tad-data skont dan ir-Regolament; |
(d) | fejn applikabbli, bid-dettalji tal-kuntatt tal-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data; |
(e) | bil-valutazzjoni tal-impatt fuq il-protezzjoni tad-data prevista fl-Artikolu 35; u |
(f) | bi kwalunkwe informazzjoni oħra mitluba mill-awtorità superviżorja. |
4. L-Istati Membri għandhom jikkonsultaw lill-awtorità superviżorja matul it-tħejjija ta' proposta għal miżura leġiżlattiva li għandha tiġi adottata minn parlament nazzjonali, jew ta' miżura regolatorja bbażata fuq tali miżura leġiżlattiva li tirrigwarda l-ipproċessar.
5. Minkejja l-paragrafu 1, il-liġi tal-Istat Membru tista' tirrikjedi li l-kontrolluri jikkonsultaw mal-awtorità superviżorja u jiksbu awtorizzazzjoni minn qabel minnha b'rabta mal-ipproċessar minn kontrollur għall-prestazzjoni ta' kompitu mwettaq minn kontrollur fl-interess pubbliku, inkluż l-ipproċessar b'rabta mal-protezzjoni soċjali u s-saħħa pubblika.
Artikolu 6
Legalità tal-ipproċessar
1. L-ipproċessar għandu jkun legali biss jekk u safejn mill-inqas ikun japplika wieħed mill-punti li ġejjin:
(a) | is-suġġett tad-data jkun ta l-kunsens għall-ipproċessar ta' data personali tiegħu għal fini speċifiku wieħed jew aktar; |
(b) | l-ipproċessar ikun meħtieġ għat-twettiq ta' kuntratt li għalih is-suġġett tad-data huwa parti jew sabiex jittieħdu passi fuq talba tas-suġġett tad-data qabel ma jidħol f'kuntratt; |
(c) | l-ipproċessar ikun meħtieġ għall-konformità ma' obbligu legali li għalih huwa soġġett il-kontrollur; |
(d) | l-ipproċessar ikun meħtieġ sabiex ikunu protetti l-interessi vitali tas-suġġett tad-data jew ta' persuna fiżika oħra; |
(e) | l-ipproċessar ikun meħtieġ għat-twettiq ta' kompitu li jsir fl-interess pubbliku jew fl-eżerċizzju ta' awtorità uffiċjali mogħtija lill-kontrollur; |
(f) | l-ipproċessar ikun meħtieġ għall-finijiet tal-interessi leġittimi segwiti mill-kontrollur jew minn parti terza, għajr meta dawn l-interessi jingħelbu mill-interessi jew id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tas-suġġett tad-data li jeħtieġu l-protezzjoni tad-data personali, b'mod partikolari meta s-suġġett tad-data jkun minorenni. |
Il-punt (f) tal-ewwel subparagrafu m'għandux japplika għall-ipproċessar li jitwettaq minn awtoritajiet pubbliċi fit-twettiq tal-kompiti tagħhom.
2. L-Istati Membri jistgħu jżommu jew jintroduċu dispożizzjonijiet aktar speċifiċi biex jadattaw l-applikazzjoni tar-regoli ta' dan ir-Regolament fir-rigward ta' pproċessar għal konformità mal-punti (c) u (e) tal-paragrafu 1 billi jiddeterminaw b'mod aktar preċiż rekwiżiti speċifiċi għall-ipproċessar u miżuri oħrajn biex jiġi żgurat ipproċessar legali u ġust inkluż għal sitwazzjonijiet speċifiċi oħrajn ta' pproċessar kif previst fil-Kapitolu IX.
3. Il-bażi għall-ipproċessar imsemmi fil-punti (c) u (e) tal-paragrafu 1 għandha tkun stipulata minn:
(a) | il-liġi tal-Unjoni, jew |
(b) | il-liġi tal-Istat Membru li għaliha huwa soġġett il-kontrollur. |
Il-fini tal-ipproċessar għandu jkun iddeterminat fdik il-bażi legali jew, fir-rigward tal-ipproċessar imsemmi fil-punt (e) tal-paragrafu 1, għandu jkun meħtieġ għat-twettiq ta' kompitu li jsir fl-interess pubbliku jew fl-eżerċizzju tal-atorità uffiċjali mogħtija lill-kontrollur. Dik il-bażi legali jista' jkun fiha dispożizzjonijiet speċifiċi biex tiġi adattata l-applikazzjoni ta' regoli ta' dan ir-Regolament, inklużi l-kondizzjonijiet ġenerali li jirregolaw il-legalità tal-ipproċessar mill-kontrollur; it-tipi ta' data li huma soġġetti għall-ipproċessar; is-suġġetti tad-data kkonċernati; l-entitajiet li lilhom, jew li għalihom, tista' tiġi żvelata d-data personali; il-limitazzjoni tal-fini; il-perijodi tal-ħażna u attivitajiet ta' pproċessar u proċeduri ta' pproċessar, inklużi miżuri li jiżguraw ipproċessar legali u ġust bħal dawk għal sitwazzjonijiet speċifiċi oħrajn ta' pproċessar kif previst fil-Kapitolu IX. Il-liġi tal-Unjoni jew il-liġi tal-Istat Membru għandha tissodisfa l-objettiv ta' interess pubbliku u tkun proporzjonata mal-għan leġittimu mfittex.
4. Fejn l-ipproċessar għal finijiet differenti minn dak li għalih id-data personali tkun inġabret ma jkunx ibbażat fuq il-kunsens tas-suġġett tad-data jew fuq liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru li tikkostitwixxi miżura meħtieġa u proporzjonata f'soċjetà demokratika biex tissalvagwardja l-objettivi msemmija fl-Artikolu 23(1), il-kontrollur għandu, sabiex jaċċerta jekk l-ipproċessar għal fini ieħor huwiex kompatibbli mal-fini li għalih tkun inġabret id-data personali inizjalment, jieħu kont, fost l-oħrajn, ta':
(a) | kwalunkwe rabta bejn il-fini li għalih tkun inġabret id-data personali u l-fini tal-ipproċessar ulterjuri li jkun maħsub; |
(b) | il-kuntest li fih inġabret id-data personali, b'mod partikolari fir-rigward tar-relazzjoni bejn is-suġġetti tad-data u l-kontrollur; |
(c) | in-natura tad-data personali, b'mod partikolari jekk jiġux ipproċessati kategoriji speċjali ta' data personali, skont l-Artikolu 9, jew jekk tiġix ipproċessata data personali relatata ma' kundanni kriminali u reati, skont l-Artikolu 10; |
(d) | il-konsegwenzi possibbli għas-suġġetti tad-data tal-ipproċessar ulterjuri maħsub; |
(e) | l-eżistenza ta' salvagwardji xierqa, li jistgħu jinkludu kriptaġġ jew psewdonimizzazzjoni. |
Artikolu 13
Informazzjoni li għandha tiġi pprovduta fejn tinġabar data personali mis-suġġett tad-data
1. Fejn data personali relatata ma' suġġett tad-data tinġabar mingħand is-suġġett tad-data, il-kontrollur għandu, fil-ħin li tinkiseb id-data personali, jipprovdi l-informazzjoni kollha li ġejja lis-suġġett tad-data:
(a) | l-identità u d-dettalji ta' kuntatt tal-kontrollur u, fejn applikabbli, tar-rappreżentant tal-kontrollur; |
(b) | id-dettalji ta' kuntatt tal-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data, fejn applikabbli; |
(c) | l-għanijiet tal-ipproċessar li għalihom hija maħsuba d-data personali kif ukoll il-bażi legali għall-ipproċessar; |
(d) | fejn l-ipproċessar ikun ibbażat fuq il-punt (f) tal-Artikolu 6(1), l-interessi leġittimi segwiti mill-kontrollur jew minn parti terza; |
(e) | ir-riċevituri jew il-kategoriji ta' riċevituri tad-data personali, jekk jeżistu; |
(f) | fejn applikabbli, il-fatt li l-kontrollur għandu l-ħsieb li jittrasferixxi data personali lejn pajjiż terz jew organizzazzjoni internazzjonali u l-eżistenza jew l-assenza ta' deċiżjoni ta' adegwatezza mill-Kummissjoni, jew fil-każ ta' trasferimenti msemmija fl-Artikolu 46 jew 47, jew it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 49(1), referenza għas-salvagwardji xierqa jew adatti u l-mezzi li bihom tinkiseb kopja tagħhom jew fejn dawn ikunu saru disponibbli. |
2. Minbarra l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, il-kontrollur għandu, meta tinkiseb id-data personali, jipprovdi lis-suġġett tad-data l-informazzjoni ulterjuri li ġejja meħtieġa biex jiġi żgurat ipproċessar ġust u trasparenti:
(a) | il-perijodu li matulu d-data personali tkun ser tinħażen, jew jekk dak ma jkunx possibbli, il-kriterji użati biex jiġi ddeterminat dak il-perijodu; |
(b) | l-eżistenza tad-dritt li jitlob mingħand il-kontrollur aċċess jew rettifika jew tħassir ta' data personali jew restrizzjoni tal-ipproċessar rigward is-suġġett tad-data jew li joġġezzjona għall-ipproċessar kif ukoll id-dritt għall-portabbiltà tad-data; |
(c) | fejn l-ipproċessar ikun ibbażat fuq il-punt (a) tal-Artikolu 6(1) jew il-punt (a) tal-Artikolu 9(2), l-eżistenza tad-dritt li jiġi irtirat il-kunsens fi kwalunkwe ħin, mingħajr ma tiġi affettwata l-legalità tal-ipproċessar abbażi ta' kunsens qabel l-irtirar tiegħu; |
(d) | id-dritt li jitressaq ilment quddiem awtorità superviżorja; |
(e) | jekk il-forniment ta' data personali huwiex rekwiżit statutorju jew kuntrattwali, jew rekwiżit meħtieġ biex wieħed jidħol f'kuntratt, kif ukoll jekk is-suġġett tad-data huwiex obbligat jipprovdi d-data personali u l-konsegwenzi possibbli meta wieħed jonqos milli jipprovdi tali data; |
(f) | l-eżistenza ta' teħid awtomatizzat ta' deċiżjonijiet inkluż it-tfassil ta' profili msemmi fl-Artikolu 22(1) u (4) u għall-inqas f'dawk il-każijiet, l-informazzjoni importanti dwar il-loġika involuta, kif ukoll is-sinifikat u l-konsegwenzi previsti ta' tali pproċessar għas-suġġett tad-data. |
3. Fejn il-kontrollur ikollu l-intenzjoni li jipproċessa d-data personali ulterjorment għal fini differenti minn dak li għalih tkun inġabret id-data personali, il-kontrollur għandu jipprovdi lis-suġġett tad-data, qabel dak l-ipproċessar ulterjuri, b'informazzjoni dwar dak il-fini l-ieħor u kwalunkwe informazzjoni ulterjuri rilevanti kif imsemmi fil-paragrafu 2.
4. Il-paragrafi 1, 2 u 3 ma għandhomx japplikaw meta u sa fejn is-suġġett tad-data diġà jkollu l-informazzjoni.
Artikolu 14
Informazzjoni li għandha tiġi pprovduta fejn id-data personali ma tkunx inkisbet mis-suġġett tad-data
1. Fejn ma tkunx inkisbet data personali mis-suġġett tad-data, il-kontrollur għandu jipprovdi lis-suġġett tad-data l-informazzjoni li ġejja:
(a) | l-identità u d-dettalji ta' kuntatt tal-kontrollur u, fejn applikabbli, tar-rappreżentant tal-kontrollur; |
(b) | id-dettalji ta' kuntatt tal-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data, fejn applikabbli; |
(c) | l-għanijiet tal-ipproċessar li għalihom hija maħsuba d-data personali kif ukoll il-bażi legali għall-ipproċessar; |
(d) | il-kategoriji ta' data personali inkwistjoni; |
(e) | ir-riċevituri jew il-kategoriji ta' riċevituri tad-data personali, jekk jeżistu; |
(f) | fejn applikabbli, il-fatt li l-kontrollur għandu l-ħsieb li jittrasferixxi data personali lil riċevitur f'pajjiż terz jew organizzazzjoni internazzjonali u l-eżistenza jew l-assenza ta' deċiżjoni ta' adegwatezza mill-Kummissjoni, jew fil-każ ta' trasferimenti msemmija fl-Artikolu 46 jew 47, jew it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 49(1), referenza għas-salvagwardji xierqa jew adatti u l-mezzi biex tinkiseb kopja tagħhom jew fejn dawn ikunu saru disponibbli; |
2. Minbarra l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, il-kontrollur għandu jipprovdi lis-suġġett tad-data l-informazzjoni li ġejja li tkun meħtieġa biex jiġi żgurat pproċessar ġust u trasparenti fir-rigward tas-suġġett tad-data:
(a) | il-perijodu li matulu d-data personali tkun ser tinħażen, jew jekk dak ma jkunx possibbli, il-kriterji użati biex jiġi ddeterminat dak il-perijodu; |
(b) | fejn l-ipproċessar ikun ibbażat fuq il-punt (f) tal-Artikolu 6(1), l-interessi leġittimi segwiti mill-kontrollur jew minn parti terza; |
(c) | l-eżistenza tad-dritt li jitlob mingħand il-kontrollur aċċess jew rettifika jew tħassir ta' data personali jew restrizzjoni tal-ipproċessar rigward is-suġġett tad-data u li joġġezzjona għall-ipproċessar kif ukoll id-dritt għall-portabbiltà tad-data; |
(d) | fejn l-ipproċessar ikun ibbażat fuq il-punt (a) tal-Artikolu 6(1) jew il-punt (a) tal-Artikolu 9(2), l-eżistenza tad-dritt li jiġi irtirat il-kunsens fi kwalunkwe ħin, mingħajr ma tiġi affettwata l-legalità tal-ipproċessar abbażi ta' kunsens qabel l-irtirar tiegħu; |
(e) | id-dritt li jitressaq ilment quddiem awtorità superviżorja; |
(f) | minn liema sors toriġina d-data personali, u fejn applikabbli jekk oriġinatx minn sorsi aċċessibbli għall-pubbliku; |
(g) | l-eżistenza ta' teħid awtomatizzat ta' deċiżjonijiet inkluż it-tfassil ta' profili msemmi fl-Artikolu 22(1) u (4) u għall-inqas f'dawk il-każijiet, l-informazzjoni importanti dwar il-loġika involuta, kif ukoll is-sinifikat u l-konsegwenzi previsti ta' tali pproċessar għas-suġġett tad-data. |
3. Il-kontrollur għandu jipprovdi l-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2:
(a) | fi żmien perijodu ta' żmien raġonevoli wara l-kisba tad-data personali, iżda mhux aktar tard minn xahar, b'kont meħud taċ-ċirkostanzi speċifiċi li fihom tiġi pproċessata d-data personali; |
(b) | jekk id-data personali għandha tintuża għal komunikazzjoni mas-suġġett tad-data, sa mhux aktar tard mill-mument tal-ewwel komunikazzjoni lil dak is-suġġett tad-data; jew |
(c) | jekk ikun previst żvelar lil riċevitur ieħor, mhux aktar tard minn meta d-data personali tkun ġiet żvelata l-ewwel darba. |
4. Fejn il-kontrollur ikollu l-intenzjoni li jipproċessa d-data personali ulterjorment għal fini differenti minn dak li għalih tkun inkisbet id-data personali, il-kontrollur għandu jipprovdi lis-suġġett tad-data, qabel dak l-ipproċessar ulterjuri, b'informazzjoni dwar dak il-fini l-ieħor u bi kwalunkwe informazzjoni ulterjuri rilevanti kif imsemmi fil-paragrafu 2.
5. Il-paragrafi 1 sa 4 ma għandhomx japplikaw meta u sa fejn:
(a) | is-suġġett tad-data diġà għandu l-informazzjoni; |
(b) | il-provvista ta' tali informazzjoni tkun impossibbli li sseħħ jew tkun teħtieġ sforz sproporzjonat; b'mod partikolari għall-ipproċessar għal finijiet ta' arkivjar fl-interess pubbliku, għal finijiet ta' riċerka xjentifika jew storika jew għal finijiet ta' statistika soġġett għall-kundizzjonijiet u s-salvagwardji msemmija fl-Artikolu 89(1) jew sa fejn l-obbligu msemmi fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu jkun ser jagħmilha impossibbli jew ixekkel serjament il-kisba tal-objettivi ta' dak l-ipproċessar. F'tali każijiet il-kontrollur għandu jieħu l-miżuri xierqa biex jipproteġi d-drittijiet u l-libertajiet u l-interessi leġittimi tas-suġġett tad-data, inkluż li jagħmel l-informazzjoni disponibbli għall-pubbliku; |
(c) | il-kisba jew l-iżvelar hu espressament stabbilit mil-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru li għaliha hu soġġett il-kontrollur u li tipprevedi miżuri adatti għall-protezzjoni tal-interessi leġittimi tas-suġġett tad-data; jew |
(d) | fejn id-data personali jkollha tibqa' kunfidenzjali soġġett għall-obbligu tas-segretezza professjonali regolata mil-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru, inkluż l-obbligu statutorju ta' segretezza. |
Artikolu 15
Dritt ta' aċċess mis-suġġett tad-data
1. Is-suġġett tad-data għandu d-dritt li jikseb mingħand il-kontrollur konferma dwar jekk id-data personali li tikkonċerna lilu hijiex qiegħda tiġi proċessata jew le, u, fejn dan ikun il-każ, l-aċċess għad-data personali u l-informazzjoni li ġejja:
(a) | il-finijiet tal-ipproċessar; |
(b) | il-kategoriji ta' data personali inkwistjoni; |
(c) | ir-riċevituri jew il-kategoriji ta' riċevituri li lilhom tkun ġiet żvelata jew ser tiġi żvelata d-data personali, b'mod partikolari riċevituri f'pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali; |
(d) | fejn possibbli, il-perijodu mbassar li matulu d-data personali tkun ser tinħażen, jew jekk mhux possibbli, il-kriterji użati biex jiġi ddeterminat dak il-perijodu; |
(e) | l-eżistenza tad-dritt li jitlob mingħand il-kontrollur rettifika jew tħassir tad-data personali jew restrizzjoni tal-ipproċessar tad-data personali rigward is-suġġett tad-data jew li joġġezzjona għal tali pproċessar; |
(f) | id-dritt li jitressaq ilment quddiem awtorità superviżorja; |
(g) | fejn id-data personali ma tinġabarx mis-suġġett tad-data, kwalunkwe informazzjoni disponibbli rigward is-sors tagħhom; |
(h) | l-eżistenza ta' teħid awtomatizzat ta' deċiżjonijiet, inkluż it-tfassil ta' profili, imsemmi fl-Artikolu 22(1) u (4) u, għall-inqas f'dawk il-każijiet, l-informazzjoni importanti dwar il-loġika involuta, kif ukoll is-sinifikat u l-konsegwenzi previsti ta' tali pproċessar għas-suġġett tad-data. |
2. Fejn id-data personali tkun trasferita lil pajjiż terz jew lil organizzazzjoni internazzjonali, is-suġġett tad-data għandu d-dritt li jiġi informat rigward is-salvagwardji adatti skont l-Artikolu 46 rigward it-trasferiment.
3. Il-kontrollur għandu jipprovdi kopja tad-data personali li tkun qiegħda tiġi pproċessata. Għal aktar kopji mitluba mis-suġġett tad-data, il-kontrollur jista' jimponi tariffa raġonevoli bbażata fuq l-ispejjeż amministrattivi. Fejn is-suġġett tad-data jagħmel it-talba b'mezzi elettroniċi, u sakemm ma jkunx mitlub mod ieħor mis-suġġett tad-data, l-informazzjoni għandha tiġi pprovduta f'forma elettronika użata b'mod komuni.
4. Id-dritt li tinkiseb kopja msemmija fil-paragrafu 3 ma għandux jaffettwa b'mod negattiv id-drittijiet u l-libertajiet ta' oħrajn.
Artikolu 23
Restrizzjonijiet
1. Il-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru li għaliha jkun soġġett il-kontrollur jew il-proċessur tad-data tista' tirrestrinġi permezz ta' miżura leġiżlattiva l-kamp ta' applikazzjoni tal-obbligi u d-drittijiet previsti fl-Artikoli 12 sa 22 u l-Artikolu 34, kif ukoll l-Artikolu 5 sakemm id-dispożizzjonijiet tiegħu jikkorrispondu mad-drittijiet u l-obbligi previsti fl-Artikoli 12 sa 22, meta tali restrizzjoni tirrispetta l-essenza tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali u hija miżura meħtieġa u proporzjonata f'soċjetà demokratika għas-salvagwardja ta':
(a) | is-sigurtà nazzjonali; |
(b) | id-difiża; |
(c) | is-sigurtà pubblika; |
(d) | il-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta' reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta' pieni kriminali, inkluż is-salvagwardji kontra u l-prevenzjoni ta' theddidiet għas-sigurtà pubblika; |
(e) | objettivi importanti oħrajn ta' interess pubbliku ġenerali tal-Unjoni jew ta' Stat Membru, b'mod partikolari interess ekonomiku jew finanzjarju importanti tal-Unjoni jew ta' Stat Membru, inkluż, kwistjonijiet monetarji, baġitarji u fiskali, is-saħħa pubblika u s-sigurtà soċjali; |
(f) | il-protezzjoni tal-indipendenza ġudizzjarja u l-proċedimenti ġudizzjarji; |
(g) | il-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien u l-prosekuzzjoni ta' ksur ta' etika għal professjonijiet regolati; |
(h) | funzjoni ta' monitoraġġ, ispezzjoni jew regolatorja marbuta, anki jekk okkażjonalment, mal-eżerċizzju ta' awtorità uffiċjali f'każijiet imsemmija fil-punti (a) sa (e) u (g); |
(i) | il-protezzjoni tas-suġġett tad-data jew id-drittijiet u l-libertajiet ta' persuni oħrajn; |
(j) | l-infurzar ta' pretensjonijiet skont id-dritt ċivili. |
2. B'mod partikolari, kull miżura leġiżlattiva msemmija fil-paragrafu 1 għandu jkun fiha dispożizzjonijiet speċifiċi tal-inqas, fejn rilevanti, dwar:
(a) | il-finijiet tal-ipproċessar jew il-kategoriji tal-ipproċessar, |
(b) | il-kategoriji ta' data personali, |
(c) | l-ambitu tar-restrizzjonijiet introdotti, |
(d) | is-salvagwardji għall-prevenzjoni tal-abbuż jew tal-aċċess jew it-trasferiment illegali; |
(e) | l-ispeċifikazzjoni tal-kontrollur jew il-kategoriji tal-kontrolluri, |
(f) | il-perijodi ta' ħażna u s-salvagwardji applikabbli b'kont meħud tan-natura, l-ambitu u l-finijiet tal-ipproċessar jew il-kategoriji tal-ipproċessar; |
(g) | ir-riskji għad-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġetti tad-data; u |
(h) | id-dritt tas-suġġetti tad-data li jkunu infurmati dwar ir-restrizzjoni, sakemm dak ma jistax jippreġudika l-finijiet tar-restrizzjoni. |
KAPITOLU IV
Kontrollur u proċessur
Artikolu 35
Valutazzjoni tal-impatt fuq il-protezzjoni tad-data
1. Fejn tip ta' pproċessar, b'mod partikolari bl-użu ta' teknoloġiji ġodda, u waqt li jittieħed kont tan-natura, l-ambitu, il-kuntest u l-finijiet tal-ipproċessar, x'aktarx jirriżulta f'livell għoli ta' riskju għad-drittijiet u l-libertajiet tal-persuni fiżiċi, il-kontrollur għandu, qabel l-ipproċessar, iwettaq valutazzjoni tal-impatt tal-attivitajiet ta' pproċessar previsti fuq il-protezzjoni tad-data personali. Valutazzjoni waħda tista' tindirizza sett ta' operazzjonijiet tal-ipproċessar simili li jippreżentaw riskji għolja simili.
2. Il-kontrollur għandu jfittex il-parir tal-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data, fejn ikun maħtur, meta jwettaq valutazzjoni tal-impatt fuq il-protezzjoni tad-data.
3. Valutazzjoni tal-impatt fuq il-protezzjoni tad-data msemmija fil-paragrafu 1 għandha b'mod partikolari tkun meħtieġa fil-każ ta':
(a) | evalwazzjoni sistematika u estensiva tal-aspetti personali relatati ma' persuni fiżiċi, li hija bbażata fuq l-ipproċessar awtomatizzat, inkluż it-tfassil tal-profili, u li fuqhom huma bbażati deċiżjonijiet li jipproduċu effetti legali li jikkonċernaw lill-persuna fiżika jew li jaffettwaw b'mod sinifikanti b'mod simili lill-persuna fiżika; |
(b) | l-ipproċessar fuq skala kbira ta' kategoriji speċjali ta' data msemmija fl-Artikolu 9(1), jew ta' data personali relatata ma' kundanni kriminali u reati msemmija fl-Artikolu 10; jew |
(c) | il-monitoraġġ sistematiku ta' żona aċċessibbli għall-pubbliku fuq skala kbira. |
4. L-awtorità superviżorja għandha tistabbilixxi u tippubblika lista tat-tipi ta' attivitajiet ta' pproċessar li huma soġġetti għat-talba ta' valutazzjoni tal-impatt fuq il-protezzjoni tad-data skont il-paragrafu 1. L-awtorità superviżorja għandha tikkomunika dawk il-listi lill-Bord imsemmi fl-Artikolu 68.
5. L-awtorità superviżorja tista' wkoll tistabbilixxi u tippubblika lista tat-tipi ta' attivitajiet ta' pproċessar li għalihom ma tkun meħtieġa l-ebda valutazzjoni tal-impatt fuq il-protezzjoni tad-data. L-awtorità superviżorja għandha tikkomunika dawn il-listi lill-Bord.
6. Qabel l-adozzjoni tal-listi msemmija fil-paragrafi 4 u 5, l-awtorità superviżorja kompetenti għandha tapplika l-mekkaniżmu ta' konsistenza msemmi fl-Artikolu 63 fejn tali listi jinvolvu attivitajiet ta' pproċessar li huma marbuta mal-offerta ta' oġġetti jew servizzi lis-suġġetti tad-data jew għall-monitoraġġ tal-imġiba tagħhom f'diversi Stati Membri, jew li jista' jaffettwa sostanzjalment il-moviment ħieles tad-data personali fl-Unjoni.
7. Il-valutazzjoni għandha tinkludi minn tal-inqas:
(a) | deskrizzjoni sistematika tal-operazzjonijiet ta' pproċessar previsti u l-iskopijiet tal-ipproċessar, inkluż fejn applikabbli l-interess leġittimu mfittex mill-kontrollur; |
(b) | valutazzjoni tal-bżonn u l-proporzjonalità tal-operazzjonijiet ta' pproċessar b'rabta mal-iskopijiet; |
(c) | valutazzjoni tar-riskji għad-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġetti tad-data msemmija fil-paragrafu 1; u |
(d) | il-miżuri previsti biex jindirizzaw ir-riskji, inkluż is-salvagwardji, miżuri ta' sigurtà u mekkaniżmi li jiżguraw il-protezzjoni ta' data personali u li juru l-konformità ma' dan ir-Regolament, filwaqt li jiġu kkunsidrati d-drittijiet u l-interessi leġittimi tas-suġġetti tad-data u persuni oħrajn ikkonċernati. |
8. Il-konformità ma' kodiċi ta' kondotta approvati msemmija fl-Artikolu 40 mill-kontrolluri jew proċessuri rilevanti għandu jittieħed kont tagħhom fil-valutazzjoni tal-impatt tal-attivitajiet ta' pproċessar imwettqa minn tali kontrolluri jew proċessuri, b'mod partikolari għall-finijiet ta' valutazzjoni tal-impatt fuq il-protezzjoni tad-data.
9. Fejn xieraq, il-kontrollur għandu jfittex il-fehmiet tas-suġġetti tad-data jew tar-rappreżentanti tagħhom dwar l-ipproċessar maħsub, mingħajr preġudizzju għall-protezzjoni ta' interessi kummerċjali jew pubbliċi jew għas-sigurtà tal-attivitajiet ta' pproċessar.
10. Fejn l-ipproċessar skont il-punt (c) jew (e) tal-Artikolu 6(1) ikollu bażi legali fil-liġi tal-Unjoni jew fil-liġi tal-Istat Membru li l-kontrollur huwa suġġett għaliha, u dik il-liġi tirregola l-operazzjoni jew is-sett ta' operazzjonijiet ta' pproċessar speċifiċi inkwistjoni, u tkun diġà ġiet imwettqa valutazzjoni tal-impatt fuq il-protezzjoni tad-data bħala parti minn valutazzjoni tal-impatt ġenerali fil-kuntest tal-adozzjoni ta' dik il-bażi legali, il-paragrafi 1 sa 3 ma għandhomx japplikaw sakemm l-Istati Membri ma jqisux li jkun meħtieġ li ssir tali valutazzjoni qabel l-attivitajiet tal-ipproċessar.
11. Fejn meħtieġ, il-kontrollur għandu jwettaq rieżami biex jevalwa jekk l-ipproċessar ikunx qed isir f'konformità mal-valutazzjoni tal-impatt fuq il-protezzjoni tad-data mill-inqas meta jkun hemm bidla fir-riskju mill-operazzjonijiet ta' pproċessar.
Artikolu 36
Konsultazzjoni minn qabel
1. Il-kontrollur għandu jikkonsulta lill-awtorità superviżorja qabel l-ipproċessar fejn valutazzjoni tal-impatt fuq il-protezzjoni tad-data taħt l-Artikolu 35 tindika li l-ipproċessar ikun ser jirriżulta f'riskju għoli fin-nuqqas ta' miżuri meħuda mill-kontrollur biex jittaffa r-riskju.
2. Fejn l-awtorità superviżorja tkun tal-opinjoni li l-ipproċessar maħsub imsemmi fil-paragrafu 1 jikser dan ir-Regolament, b'mod partikolari fejn il-kontrollur ma jkunx identifika jew naqqas biżżejjed ir-riskju, l-awtorita' superviżorja għandha, f'perijodu sa tmien ġimgħat wara li tirċievi t-talba għall-konsultazzjoni, tipprovdi parir bil-miktub lill-kontrollur, u, fejn applikabbli għall-proċessur, u tista' tuża kwalunkwe mis-setgħat tagħha msemmija fl-Artikolu 58. Dak il-perijodu jista' jiġi estiż għal sitt ġimgħat, b'kont meħud tal-kumplessità tal-ipproċessar maħsub. L-awtorita' superviżorja għandha tinforma l-kontrollur, u fejn applikabbli, il-proċessur, dwar kwalunkwe estensjoni fi żmien xahar minn meta jirċievi t-talba għal konsultazzjoni flimkien mar-raġunijiet għad-dewmien. Dawk il-perijodi jistgħu jiġu sospiżi sakemm l-awtorità superviżorja tkun kisbet informazzjoni li tkun talbet għal finijiet ta' konsultazzjoni.
3. Meta jikkonsulta lill-awtorità superviżorja skont il-paragrafu 1, il-kontrollur għandu jipprovdi lill-awtorità superviżorja
(a) | fejn applikabbli, bir-responsabbiltajiet rispettivi ta' kontrollur, kontrolluri u proċessuri konġunti involuti fl-ipproċessar, b'mod partikolari għall-ipproċessar fi ħdan grupp ta' impriżi; |
(b) | bil-finijiet u l-mezzi tal-ipproċessar maħsub; |
(c) | bil-miżuri u s-salvagwardji previsti biex jipproteġu d-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġetti tad-data skont dan ir-Regolament; |
(d) | fejn applikabbli, bid-dettalji tal-kuntatt tal-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data; |
(e) | bil-valutazzjoni tal-impatt fuq il-protezzjoni tad-data prevista fl-Artikolu 35; u |
(f) | bi kwalunkwe informazzjoni oħra mitluba mill-awtorità superviżorja. |
4. L-Istati Membri għandhom jikkonsultaw lill-awtorità superviżorja matul it-tħejjija ta' proposta għal miżura leġiżlattiva li għandha tiġi adottata minn parlament nazzjonali, jew ta' miżura regolatorja bbażata fuq tali miżura leġiżlattiva li tirrigwarda l-ipproċessar.
5. Minkejja l-paragrafu 1, il-liġi tal-Istat Membru tista' tirrikjedi li l-kontrolluri jikkonsultaw mal-awtorità superviżorja u jiksbu awtorizzazzjoni minn qabel minnha b'rabta mal-ipproċessar minn kontrollur għall-prestazzjoni ta' kompitu mwettaq minn kontrollur fl-interess pubbliku, inkluż l-ipproċessar b'rabta mal-protezzjoni soċjali u s-saħħa pubblika.
Artikolu 43
Korpi ta' ċertifikazzjoni
1. Mingħajr preġudizzju għall-kompiti u s-setgħat tal-awtorità superviżorja kompetenti taħt l-Artikoli 57 u 58, il-korpi ta' ċertifikazzjoni li għandhom livell xieraq ta' għarfien espert fir-rigward tal-protezzjoni tad-data għandhom, wara li jinfurmaw l-awtorità superviżorja sabiex din tkun tista' teżerċita s-setgħat tagħha skont il-punt (h) tal-Artikolu 58(2) fejn meħtieġ, joħorġu u jġeddu ċertifikazzjoni. Stat Membru għandu jiżgura li dawk il-korpi ta' ċertifikazzjoni huma akkreditati minn waħda jew wieħed, jew mit-tnejn, li ġejjin:
(a) | l-awtorità superviżorja li hija kompetenti skont l-Artikolu 55 jew 56; |
(b) | il-korp nazzjonali ta' akkreditazzjoni msemmi f'konformità mar-Regolament (KE) Nru 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (20) f'konformità ma' EN-ISO/IEC 17065/2012 u mar-rekwiżiti addizzjonali stabbiliti mill-awtorità superviżorja li hija kompetenti skont l-Artikolu 55 jew 56. |
2. Il-korpi ta' ċertifikazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu akkreditati skont dak il-paragrafu biss fejn ikunu:
(a) | wrew l-indipendenza u l-għarfien espert tagħhom b'rabta mas-suġġett taċ-ċertifikazzjoni għas-sodisfazzjon tal-awtorità superviżorja kompetenti; |
(b) | impenjaw ruħhom li jirrispettaw il-kriterji msemmija fl-Artikolu 42(5) u approvati mill-awtorità superviżorja li hija kompetenti skont l-Artikolu 55 jew 56 jew mill-Bord, skont l-Artikolu 63, il-Bord; |
(c) | stabbilixxew proċeduri għall-ħruġ, ir-rieżami perjodiku u l-irtirar ta' ċertifikazzjoni, siġilli u marki tal-protezzjoni tad-data; |
(d) | stabbilixxew proċeduri u strutturi biex jindirizzaw lmenti dwar ksur taċ-ċertifikazzjoni jew il-mod li bih iċ-ċertifikazzjoni ġiet, jew qed tiġi, implimentata mill-kontrollur jew il-proċessur, u biex jagħmlu trasparenti dawk il-proċeduri u l-istrutturi għas-suġġetti tad-data u għall-pubbliku; u |
(e) | wrew għas-sodisfazzjon tal-awtorità superviżorja kompetenti, li l-kompiti u d-dmirijiet tagħhom ma jirriżultawx f'konflitt ta' interessi. |
3. L-akkreditazzjoni tal-korpi ta' ċertifikazzjoni kif imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta' dan l-Artikolu għandhom jitwettqu abbażi ta' kriterji approvati mill-awtorità superviżorja li hija kompetenti skont l-Artikolu 55 jew 56 jew, mill-Bord, skont l-Artikolu 63. Fil-każ ta' akkreditazzjoni skont il-punt (b) tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, dawk ir-rekwiżiti għandhom jikkomplementaw dawk previsti fir-Regolament (KE) Nru 765/2008 u r-regoli tekniċi li jiddeskrivu l-metodi u l-proċeduri tal-korpi ta' ċertifikazzjoni.
4. Il-korpi ta' ċertifikazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu responsabbli mill-valutazzjoni tajba li twassal għaċ-ċertifikazzjoni jew l-irtirar ta' tali ċertifikazzjoni mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà tal-kontrollur jew il-proċessur għall-konformità ma' dan ir-Regolament. L-akkreditazzjoni għandha tinħareġ għal perijodu massimu ta' ħames snin u tista' tiġġedded bl-istess kondizzjonijiet sakemm il-korp ta' ċertifikazzjoni jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti f'dan l-Artikolu.
5. Il-korpi ta' ċertifikazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jipprovdu lill-awtorità superviżorja kompetenti bir-raġunijiet għall-għoti jew l-irtirar taċ-ċertifikazzjoni mitluba.
6. Ir-rekwiżiti msemmija fil-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu u l-kriterji msemmija fl-Artikolu 42(5) għandhom jiġu ppubblikati mill-awtorità superviżorja f'forma faċilment aċċessibbli. L-awtoritajiet superviżorji għandhom ukoll jittrażmettu dawk ir-rekwiżiti u kriterji lill-Bord. Il-Bord għandu jiġbor il-mekkaniżmi ta' ċertifikazzjoni kollha u s-siġilli tal-protezzjoni tad-data kollha f'reġistru u għandu jagħmilhom disponibbli għall-pubbliku bi kwalunkwe mezz xieraq.
7. Mingħajr preġudizzju għall-Kapitolu VIII, l-awtorità superviżorja kompetenti jew il-korp nazzjonali ta' akkreditazzjoni għandu jirtira akkreditazzjoni ta' korp ta' ċertifikazzjoni skont il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu jekk il-kondizzjonijiet għall-akkreditazzjoni ma jiġu sodisfatti jew m'għadhomx jiġu sodisfatti, jew fejn azzjonijiet meħuda mill-korp ta' ċertifikazzjoni jiksru dan ir-Regolament.
8. Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 92, għall-fini li tispeċifika r-rekwiżiti li għandu jittieħed kont tagħhom għall-mekkaniżmi ta' ċertifikazzjoni tal-protezzjoni tad-data msemmija fl-Artikolu 42(1).
9. Il-Kummissjoni tista' tadotta atti ta' implimentazzjoni li jistipulaw standards tekniċi għal mekkaniżmi ta' ċertifikazzjoni u għal siġilli u marki ta' protezzjoni tad-data, u mekkaniżmi għall-promozzjoni u r-rikonoxximent ta' dawk il-mekkaniżmi ta' ċertifikazzjoni, siġilli u marki. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 93(2).
KAPITOLU V
Trasferimenti ta' data personali lejn pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali
Artikolu 46
Trasferimenti soġġetti għal salvagwardji xierqa
1. Fin-nuqqas ta' deċiżjoni skont l-Artikolu 45(3), kontrollur jew proċessur jista' jittrasferixxi data personali lejn pajjiż terz jew organizzazzjoni internazzjonali biss jekk il-kontrollur jew il-proċessur ikun ipprovda salvagwardji xierqa, u bil-kondizzjoni li jkunu disponibbli drittijiet infurzabbli tas-suġġett tad-data u rimedji legali effettivi għas-suġġetti tad-data.
2. Is-salvagwardji xierqa msemmija fil-paragrafu 1 jistgħu jkunu previsti, mingħajr ma jkun jinħtieġ ebda awtorizzazzjoni speċifika minn awtorità superviżorja, permezz ta':
(a) | strument legalment vinkolanti u infurzabbli bejn awtoritajiet jew korpi pubbliċi; |
(b) | regoli korporattivi vinkolanti f'konformità mal-Artikolu 47; |
(c) | klawżoli standard ta' protezzjoni tad-data adottati mill-Kummissjoni f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 93(2); |
(d) | klawżoli standard ta' protezzjoni tad-data adottati minn awtorità superviżorja u approvati mill-Kummissjoni skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 93(2); jew |
(e) | kodiċi ta' kondotta approvat skont l-Artikolu 40 flimkien ma' impenji vinkolanti u infurzabbli tal-kontrollur jew il-proċessur fil-pajjiż terz biex jiġu applikati s-salvagwardji xierqa, inkluż fir-rigward tad-drittijiet tas-suġġetti tad-data; jew |
(f) | mekkaniżmu approvat ta' ċertifikazzjoni skont l-Artikolu 42 flimkien ma' impenji vinkolanti u infurzabbli tal-kontrollur jew il-proċessur fil-pajjiż terz biex jiġu applikati s-salvagwardji xierqa, inkluż fir-rigward tad-drittijiet tas-suġġetti tad-data. |
3. Soġġett għall-awtorizzazzjoni mill-awtorità superviżorja kompetenti, is-salvagwardji xierqa msemmija fil-paragrafu 1 jistgħu wkoll jiġu previsti, B'mod partikolari permezz ta':
(a) | klawżoli kuntrattwali bejn il-kontrollur jew il-proċessur u l-kontrollur, il-proċessur jew ir-riċevitur tad-data personali fil-pajjiż terz jew l-organizzazzjoni internazzjonali; jew |
(b) | dispożizzjonijiet li għandhom jiddaħħlu f'arranġamenti amministrattivi bejn l-awtoritajiet jew il-korpi pubbliċi li jinkludu drittijiet infurzabbli u effettivi tas-suġġett tad-data. |
4. L-awtorità superviżorja għandha tapplika l-mekkaniżmu ta' konsistenza msemmi fl-Artikolu 63 fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu.
5. L-awtorizzazzjonijiet minn Stat Membru jew awtorità superviżorja abbażi tal-Artikolu 26(2) tad-Direttiva 95/46/KE għandhom jibqgħu validi sakemm jiġu emendati, sostitwiti jew imħassra, jekk meħtieġ, minn dik l-awtorità superviżorja. Id-deċiżjonijiet adottati mill-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 26(4) tad-Direttiva 95/46/KE għandhom jibqgħu fis-seħħ sakemm jiġu emendati, sostitwiti jew imħassra, jekk meħtieġ, minn Deċiżjoni tal-Kummissjoni adottata f'konformità mal-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu.
Artikolu 47
Regoli korporattivi vinkolanti
1. L-awtorità superviżorja kompetenti għandha tapprova regoli korporattivi vinkolanti f'konformità mal-mekkaniżmu ta' konsistenza stabbilita fl-Artikolu 63, dment li dawn:
(a) | ikunu legalment vinkolanti u japplikaw għal, u jkunu infurzati minn, kull membru kkonċernat tal-grupp ta' impriżi, jew il-grupp ta' intrapriżi involuti f'attività ekonomika konġunta, inklużi l-impjegati tagħhom; |
(b) | espressament jikkonferixxu drittijiet infurzabbli lis-suġġetti tad-data fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali tagħhom; u |
(c) | jissodisfaw ir-rekwiżiti stipulati fil-paragrafu 2. |
2. Ir-regoli korporattivi vinkolanti msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jispeċifikaw tal-anqas:
(a) | l-istruttura u d-dettalji ta' kuntatt tal-grupp ta' impriżi, jew grupp ta' intrapriżi involuti f'attività ekonomika konġunta u ta' kull wieħed mill-membri tiegħu; |
(b) | it-trasferimenti tad-data jew is-sett ta' trasferimenti, inklużi l-kategoriji ta' data personali, it-tip ta' pproċessar u l-għanijiet tiegħu, it-tip ta' suġġetti tad-data affettwati u l-identifikazzjoni tal-pajjiż jew il-pajjiżi terzi inkwistjoni; |
(c) | in-natura legalment vinkolanti tagħhom, kemm internament kif ukoll esternament; |
(d) | l-applikazzjoni tal-prinċipji ġenerali tal-protezzjoni tad-data, b'mod partikolari l-limitazzjoni tal-għan, il-minimizzazzjoni tad-data, il-perijodi ta' ħżin limitati, il-kwalità tad-data, il-protezzjoni tad-data mid-disinn u b'mod awtomatiku, il-bażi legali għall-ipproċessar, l-ipproċessar ta' kategoriji speċjali ta' data personali, il-miżuri li jiżguraw is-sigurtà tad-data, u r-rekwiżiti fir-rigward ta' trasferimenti ulterjuri lejn korpi li ma jkunux marbuta bir-regoli korporattivi vinkolanti; |
(e) | id-drittijiet tas-suġġetti tad-data fir-rigward tal-ipproċessar u l-mezzi għall-eżerċitar ta' dawk id-drittijiet, inkluż id-dritt li wieħed ma jkunx soġġett għal deċiżjonijiet ibbażati biss fuq ipproċessar awtomatizzat, inkluż it-tfassil ta' profili f'konformità mal-Artikolu 22, id-dritt li wieħed iressaq ilment mal-awtorità superviżorja kompetenti u quddiem il-qrati kompetenti tal-Istati Membri f'konformità mal-Artikolu 79, u li wieħed jikseb rimedju u, fejn xieraq, kumpens għal ksur tar-regoli korporattivi vinkolanti; |
(f) | l-aċċettazzjoni mill-kontrollur jew il-proċessur stabbilit fit-territorju ta' Stat Membru tar-responsabbiltà għal kwalunkwe ksur tar-regoli korporattivi vinkolanti minn kwalunkwe membru kkonċernat mhux stabbilit fl-Unjoni; il-kontrollur jew il-proċessur għandu jkun eżentat minn dik ir-responsabbiltà, b'mod sħiħ jew parzjali, biss jekk jagħti prova li dak il-membru mhuwiex responsabbli għall-avveniment li ħoloq id-dannu; |
(g) | kif l-informazzjoni dwar ir-regoli korporattivi vinkolanti, b'mod partikolari dwar id-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punti (d), (e) u (f) ta' dan il-paragrafu tiġi pprovduta lis-suġġetti tad-data flimkien mal-informazzjoni msemmija fl-Artikoli 13 u 14; |
(h) | il-kompiti ta' kwalunkwe uffiċjal tal-protezzjoni tad-data maħtur f'konformità mal-Artikolu 37 jew kwalunkwe persuna jew entità oħra inkarigata mill-monitoraġġ tal-konformità mar-regoli korporattivi vinkolanti fil-grupp ta' impriżi, jew grupp ta' intrapriżi involuti f'attività ekonomika konġunta, kif ukoll il-monitoraġġ tat-taħriġ u l-ġestjoni tal-ilmenti; |
(i) | il-proċeduri tal-ilmenti; |
(j) | il-mekkaniżmi fil-grupp ta' impriżi, jew grupp ta' intrapriżi involuti f'attività ekonomika konġunta li jiżguraw il-verifika tal-konformità mar-regoli korporattivi vinkolanti. Tali mekkaniżmi għandhom jinkludu awditi tal-protezzjoni tad-data u metodi li jiżguraw azzjonijiet korrettivi għall-protezzjoni tad-drittijiet tas-suġġett tad-data. Ir-riżultati ta' tali verifika għandhom jiġu kkomunikati lill-persuna jew l-entità msemmija fil-punt (h) u lill-bord tal-impriża ta' kontroll ta' grupp ta' impriżi jew tal-grupp ta' intrapriżi involuti f'attività ekonomika konġunta, u għandhom ikunu disponibbli, fuq talba, għall-awtorità superviżorja kompetenti; |
(k) | il-mekkaniżmi għar-rappurtar u r-reġistrazzjoni ta' bidliet fir-regoli u r-rappurtar ta' dawk il-bidliet lill-awtorità superviżorja; |
(l) | il-mekkaniżmu ta' kooperazzjoni mal-awtorità superviżorja biex tiġi żgurata konformità minn kwalunkwe membru tal-grupp ta' impriżi, jew grupp ta' intrapriżi involuti f'attività ekonomika konġunta, b'mod partikolari billi jagħmel disponibbli għall-awtorità superviżorja r-riżultati ta' verifiki tal-miżuri msemmija fil-punt (j); |
(m) | il-mekkaniżmi għar-rappurtar lill-awtorità superviżorja kompetenti ta' kwalunkwe rekwiżit legali li għalih membru tal-grupp ta' impriżi jew grupp ta' intrapriżi involuti f'attività ekonomika konġunta ikun soġġett f'pajjiż terz li x'aktarx jista' jkollu effett negattiv sostanzjali fuq il-garanziji previsti mir-regoli korporattivi vinkolanti; u |
(n) | it-taħriġ xieraq fil-protezzjoni tad-data lil persunal li jkollu aċċess permanenti jew regolari għad-data personali. |
3. Il-Kummissjoni tista' tispeċifika l-format u l-proċeduri għall-iskambju ta' informazzjoni bejn kontrolluri, proċessuri u awtoritajiet superviżorji għar-regoli korporattivi vinkolanti fis-sens ta' dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami stabbilita fl-Artikolu 93(2).
Artikolu 56
Kompetenza tal-awtorità superviżorja ewlenija
1. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 55, l-awtorità superviżorja tal-istabbiliment ewlieni jew tal-istabbiliment uniku tal-kontrollur jew il-proċessur għandha tkun kompetenti biex taġixxi bħala l-awtorità superviżorja ewlenija għall-ipproċessar transkonfinali li jsir minn dak il-kontrollur jew proċessur f'konformità mal-proċedura prevista fl-Artikolu 60.
2. B'deroga mill-paragrafu 1, kull awtorità superviżorja għandha tkun kompetenti biex tittratta lment imressaq lilha jew ksur possibbli ta' dan ir-Regolament, jekk is-suġġett ikun marbut biss ma' stabbiliment fl-Istat Membru tagħha jew jaffettwa b'mod sostanzjali suġġetti tad-data fl-Istat Membru tagħha biss.
3. Fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, l-awtorità superviżorja għandha tinforma lill-awtorità superviżorja ewlenija mingħajr dewmien dwar dik il-kwistjoni. F'perijodu ta' tliet ġimgħat wara li tiġi infurmata l-awtorità superviżorja ewlenija għandha tiddeċiedi jekk hux ser tittratta l-każ f'konformità mal-proċedura prevista fl-Artikolu 60, billi tieħu kont ta' jekk hemm jew m'hemmx stabbiliment tal-kontrollur jew il-proċessur fl-Istat Membru li l-awtorità superviżorja tkun infurmatha bih.
4. Fejn l-awtorità superviżorja ewlenija tiddeċiedi li tittratta l-każ, għandha tapplika l-proċedura prevista fl-Artikolu 60. L-awtorità superviżorja li tkun infurmat lill-awtorità superviżorja ewlenija tista' tissottometti abbozz għal deċiżjoni lill-awtorità superviżorja ewlenija. L-awtorità superviżorja ewlenija għandha tieħu kont bl-akbar reqqa dak l-abbozz meta tkun qed tħejji l-abbozz ta' deċiżjoni msemmi fl-Artikolu 60(3).
5. Fejn il-awtorità superviżorja ewlenija tiddeċiedi li ma tittrattax il-każ, l-awtorità superviżorja li tkun infurmat lill-awtorità superviżorja ewlenija għandha tittrattah skont l-Artikoli 61 u 62.
6. L-awtorità superviżorja ewlenija għandha tkun l-interlokutur uniku tal-kontrollur jew il-proċessur għall-ipproċessar transkonfinali li jsir minn dak il-kontrollur jew proċessur.
Artikolu 62
Operazzjonijiet konġunti ta' awtoritajiet superviżorji
1. L-awtoritajiet superviżorji għandhom, fejn xieraq, iwettqu operazzjonijiet konġunti inklużi investigazzjonijiet konġunti u miżuri ta' infurzar konġunti li fihom ikunu involuti membri jew persunal tal-awtoritajiet superviżorji ta' Stati Membri oħra.
2. Fejn il-kontrollur jew il-proċessur ikollu stabbilimenti f'diversi Stati Membri jew fejn għadd sinifikanti ta' suġġetti tad-data f'aktar minn Stat Membru wieħed x'aktarx li jkun affettwat b'mod sostanzjali minn operazzjonijiet ta' pproċessar, awtorità superviżorja minn kull wieħed minn dawk l-Istati Membri għandu jkollha d-dritt li tipparteċipa fl-operazzjonijiet konġunti. L-awtorità superviżorja li hija kompetenti skont l-Artikolu 56(1) jew (4) għandha tistieden lill-awtorità superviżorja ta' kull wieħed minn dawk l-Istati Membri biex tipparteċipa fl-operazzjonijiet konġunti u għandha twieġeb mingħajr dewmien għat-talba ta' awtorità superviżorja biex tipparteċipa fihom.
3. Awtorità superviżorja tista', f'konformità mal-liġi tal-Istat Membru, u bl-awtorizzazzjoni tal-awtorità superviżorja li tissekonda, tikkonferixxi setgħat, inklużi setgħat investigattivi fuq il-membri jew il-persunal involuti f'operazzjonijiet konġunti tal-awtorità superviżorja li tissekonda jew, sa fejn tippermetti l-liġi tal-Istat Membru tal-awtorità superviżorja ospitanti, tippermetti lill-membri jew il-persunal tal-awtorità superviżorja li tissekonda jeżerċita s-setgħat investigattivi tiegħu f'konformità mal-liġi tal-Istat Membru tal-awtorità superviżorja li tissekonda. Tali setgħat investigattivi jistgħu jiġu eżerċitati biss taħt il-gwida u fil-preżenza ta' membri jew persunal tal-awtorità superviżorja ospitanti. Il-membri jew il-persunal tal-awtorità superviżorja li tissekonda għandhom ikunu soġġetti għal-liġi tal-Istat Membru tal-awtorità superviżorja ospitanti.
4. Fejn, f'konformità mal-paragrafu 1, il-persunal ta' awtorità superviżorja li tissekonda jopera fi Stat Membru ieħor, l-Istat Membru tal-awtorità superviżorja ospitanti għandu jassumi r-responsabbiltà għall-azzjonijiet tiegħu, inkluża l-imputabbiltà, għal kwalunkwe dannu kkawżat minnhom matul l-operazzjonijiet tiegħu, f'konformità mal-liġi tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu huwa jopera.
5. L-Istat Membru li fit-territorju tiegħu ikun ġie kkawżat id-dannu għandu jagħmel tajjeb għal tali dannu bil-kondizzjonijiet applikabbli għad-dannu kkawżat mill-persunal tiegħu stess. L-Istat Membru tal-awtorità superviżorja li tissekonda li l-persunal tagħha jkun ikkawża dannu lil kwalunkwe persuna fit-territorju ta' Stat Membru ieħor għandu jrodd lura bis-sħiħ lil dan tal-aħħar kwalunkwe somma li ħallas lill-persuni intitolati f'isimhom.
6. Mingħajr preġudizzju għall-eżerċizzju tad-drittijiet tiegħu vis-à-vis partijiet terzi u bl-eċċezzjoni tal-paragrafu 5, kull Stat Membru għandu jibqa' lura, fil-każ previst fil-paragrafu 1, milli jitlob rimborż minn Stat Membru ieħor relattivament għal danni msemmija fil-paragrafu 4.
7. Fejn tkun maħsuba operazzjoni konġunta u awtorità superviżorja ma tikkonformax fi żmien xahar mal-obbligu stipulat fit-tieni sentenza tal-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, l-awtoritajiet superviżorji l-oħra jistgħu jadottaw miżura proviżorja fit-territorju tal-Istat Membru li hija kompetenti għalih f'konformità mal-Artikolu 55. F'dak il-każ, il-ħtieġa ta' azzjoni urġenti skont l-Artikolu 66(1) għandu jkun preżunt li hija sodisfatta u teħtieġ opinjoni urġenti jew deċiżjoni vinkolanti urġenti mill-Bord skont l-Artikolu 66(2).
Artikolu 70
Kompiti tal-Bord
1. Il-Bord għandu jiżgura l-applikazzjoni konsistenti ta' dan ir-Regolament. Għal dak il-għan, il-Bord għandu b'mod partikolari, fuq inizjattiva tiegħu stess jew, fejn rilevanti, fuq talba tal-Kummissjoni:
(a) | jimmonitorja u jiżgura l-applikazzjoni korretta ta' dan ir-Regolament fil-każijiet previsti fl-Artikoli 64 u 65 mingħajr preġudizzju għall-kompiti ta' awtoritajiet superviżorji nazzjonali; |
(b) | jagħti parir lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe kwistjoni relatata mal-protezzjoni tad-data personali fl-Unjoni, inkluż dwar kwalunkwe emenda proposta għal dan ir-Regolament; |
(c) | jagħti parir lill-Kummissjoni dwar il-format u l-proċeduri għall-iskambju ta' informazzjoni bejn il-kontrolluri, il-proċessuri u l-awtoritajiet superviżorji għar-regoli korporattivi vinkolanti; |
(d) | joħroġ linji gwida, rakkomandazzjonijiet, u l-aħjar prattiki dwar proċeduri għat-tħassir ta' links, kopji jew repliki ta' data personali minn servizzi ta' komunikazzjoni disponibbli għall-pubbliku kif imsemmi fl-Artikolu 17(2); |
(e) | jeżamina, fuq inizjattiva tiegħu stess, fuq talba ta' wieħed mill-membri tiegħu jew fuq talba tal-Kummissjoni, kwalunkwe kwistjoni li tkopri l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament u joħroġ linji gwida, rakkomandazzjonijiet u l-aħjar prattiki sabiex jinkoraġġixxi l-applikazzjoni konsistenti ta' dan ir-Regolament; |
(f) | joħroġ linji gwida, rakkomandazzjonijiet, u l-aħjar prattiki f'konformità mal-punt (e) ta' dan il-paragrafu għall-ispeċifikar ulterjuri tal-kriterji u l-kondizzjonijiet għal deċiżjonijiet ibbażati fuq it-tfassil ta' profili skont l-Artikolu 22(2); |
(g) | joħroġ linji gwida, rakkomandazzjonijiet u l-aħjar prattiki f'konformità mal-punt (e) ta' dan il-paragrafu għall-istabbiliment tal-ksur tad-data personali u d-determinazzjoni tad-dewmien żejjed imsemmi fl-Artikolu 33(1) u (2) u għaċ-ċirkostanzi partikolari li fihom kontrollur jew proċessur ikun meħtieġ jinnotifika il-ksur ta' data personali; |
(h) | joħroġ linji gwida, rakkomandazzjonijiet u l-aħjar prattiki f'konformità mal-punt (e) ta' dan il-paragrafu fir-rigward taċ-ċirkostanzi li fihom ksur tad-data personali x'aktarx li jirriżulta f'riskju għoli għad-drittijiet u l-libertajiet tal-persuni fiżiċi msemmija fl-Artikolu 34(1). |
(i) | joħroġ linji gwida, rakkomandazzjonijiet u l-aħjar prattiki f'konformità mal-punt (e) ta' dan il-paragrafu għall-fini tal-ispeċifikar ulterjuri tal-kriterji u r-rekwiżiti għat-trasferimenti ta' data personali bbażati fuq regoli korporattivi vinkolanti osservati mill-kontrolluri u regoli korporattivi vinkolanti osservati mill-proċessuri u fuq rekwiżiti meħtieġa oħra biex tiġi żgurata l-protezzjoni tad-data personali tas-suġġetti tad-data kkonċernati msemmija fl-Artikolu 47; |
(j) | joħroġ linji gwida, rakkomandazzjonijiet u l-aħjar prattiki f'konformità mal-punt (e) ta' dan il-paragrafu għall-fini tal-ispeċifikar ulterjuri tal-kriterji u r-rekwiżiti għat-trasferimenti ta' data personali abbażi tal-Artikolu 49(1); |
(k) | ifassal linji gwida għall-awtoritajiet superviżorji dwar l-applikazzjoni tal-miżuri msemmija fl-Artikolu 58(1), (2) u (3) u l-istabbiliment ta' multi amministrattivi skont l-Artikolu 83; |
(l) | jirrieżamina l-applikazzjoni prattika tal-linji gwida, ir-rakkomandazzjonijiet u l-aħjar prattiki msemmija fil-punti (e) u (f); |
(m) | joħroġ linji gwida, rakkomandazzjonijiet u l-aħjar prattiki f'konformità mal-punt (e) ta' dan il-paragrafu għall-istabbiliment ta' proċeduri komuni għar-rappurtar minn persuni fiżiċi ta' ksur ta' dan ir-Regolament skont l-Artikolu 54(2); |
(n) | jinkoraġġixxi t-tfassil ta' kodiċi ta' kondotta u t-twaqqif ta' mekkaniżmi ta' ċertifikazzjoni għall-protezzjoni tad-data u siġilli u marki għall-protezzjoni tad-data skont l-Artikoli 40 u 42; |
(o) | iwettaq l-akkreditazzjoni ta' korpi ta' ċertifikazzjoni u r-rieżami perjodiku tiegħu skont l-Artikolu 43 u jżomm reġistru pubbliku ta' korpi akkreditati skont l-Artikolu 43(6) u tal-kontrolluri jew il-proċessuri akkreditati stabbiliti f'pajjiżi terzi skont l-Artikolu 42(7); |
(p) | jispeċifika r-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 43(3) bil-ħsieb tal-akkreditazzjoni ta' korpi ta' ċertifikazzjoni taħt l-Artikolu 42; |
(q) | jipprovdi lill-Kummissjoni b'opinjoni dwar ir-rekwiżiti ta' ċertifikazzjoni msemmija fl-Artikolu 43(8); |
(r) | jipprovdi lill-Kummissjoni b'opinjoni dwar l-ikoni msemmija fl-Artikolu 12(7); |
(s) | jipprovdi lill-Kummissjoni b'opinjoni biex tiġi valutata l-adegwatezza tal-livell ta' protezzjoni f'pajjiż terz jew organizzazzjoni internazzjonali, inkluż għall-valutazzjoni jekk pajjiż terz jew territorju jew settur speċifikat wieħed jew aktar f'dak il-pajjiż terz, jew organizzazzjoni internazzjonali ikunux għadhom jiżguraw livell ta' protezzjoni adegwat. Għal dak l-għan, il-Kummissjoni għandha tipprovdi lill-Bord d-dokumentazzjoni meħtieġa kollha, inkluża korrispondenza mal-gvern tal-pajjiż terz, fir-rigward ta' dak il-pajjiż terz, territorju jew settur speċifikat, jew mal-organizzazzjoni internazzjonali. |
(t) | joħroġ opinjonijiet dwar abbozzi ta' deċiżjonijiet ta' awtoritajiet superviżorji skont il-mekkaniżmu ta' konsistenza msemmi fl-Artikolu 64(1), dwar kwistjonijiet sottomessi skont l-Artikolu 64(2) u joħroġ deċiżjonijiet vinkolanti skont l-Artikolu 65, inklużi dawk fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 66; |
(u) | jippromwovi l-kooperazzjoni u l-iskambju bilaterali u multilaterali effettiv ta' informazzjoni u l-aħjar prattiki bejn l-awtoritajiet superviżorji; |
(v) | jippromwovi programmi ta' taħriġ komuni u jiffaċilita l-iskambji ta' persunal bejn l-awtoritajiet superviżorji u, fejn xieraq, mal-awtoritajiet superviżorji ta' pajjiżi terzi jew mal-organizzazzjonijiet internazzjonali; |
(w) | jippromwovi l-iskambju ta' għarfien u dokumentazzjoni dwar il-leġiżlazzjoni u l-prattika dwar il-protezzjoni tad-data ma' awtoritajiet superviżorji tal-protezzjoni tad-data fid-dinja kollha. |
(x) | joħroġ opinjonijiet dwar il-kodiċijiet ta' kondotta mfassla fil-livell tal-Unjoni skont l-Artikolu 40(9); u |
(y) | iżomm reġistru elettroniku aċċessibbli għall-pubbliku ta' deċiżjonijiet meħuda minn awtoritajiet superviżorji u qrati dwar kwistjonijiet ttrattati fil-mekkaniżmu ta' konsistenza. |
2. Fejn il-Kummissjoni titlob parir mill-Bord, hija tista' tindika limitu ta' żmien, filwaqt li tieħu kont tal-urġenza tal-kwistjoni.
3. Il-Bord għandu jibgħat l-opinjonijiet, il-linji gwida, ir-rakkomandazzjonijiet, u l-aħjar prattiki tiegħu lill-Kummissjoni u lill-kumitat imsemmi fl-Artikolu 93 u jagħmilhom pubbliċi.
4. Il-Bord għandu, fejn xieraq, jikkonsulta l-partijiet interessati u jagħtihom l-opportunità li jikkummentaw f'perijodu ta' żmien raġonevoli. Il-Bord għandu, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 76, jagħmel disponibbli għall-pubbliku r-riżultati tal-proċedura ta' konsultazzjoni.
Artikolu 72
Proċedura
1. Il-Bord għandu jieħu deċiżjonijiet permezz ta' maġġoranza sempliċi tal-membri tiegħu, sakemm mhux previst mod ieħor f'dan ir-Regolament.
2. Il-Bord għandu jadotta r-regoli ta' proċedura tiegħu stess permezz ta' maġġoranza ta' żewġ terzi tal-membri tiegħu u jorganizza l-arranġamenti operazzjonali tiegħu stess.
Artikolu 76
Kunfidenzjalità
1. Id-diskussjonijiet tal-Bord għandhom ikunu kunfidenzjali fejn il-Bord iqis li dan ikun meħtieġ, kif previst fir-regoli ta' proċedura tiegħu.
2. L-aċċess għal dokumenti sottomessi lill-membri tal-Bord, lill-esperti u lir-rappreżentanti ta' pajjiżi terzi għandu jkun regolat mir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (21).
KAPITOLU VIII
Rimedji, responsabbiltà u pieni
Artikolu 80
Rappreżentanza ta' suġġetti tad-data
1. Is-suġġett tad-data għandu d-dritt li jagħti mandat lil korp, organizzazzjoni jew assoċjazzjoni, li jkunu mingħajr skop ta' qligħ, li jkunu kkostitwiti kif meħtieġ skont il-liġi ta' Stat Membru, li l-objettivi statutorji tagħhom ikunu fl-interess pubbliku u li jkunu attivi fil-qasam tal-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet ta' suġġetti tad-data fir-rigward tal-protezzjoni tad-data personali tagħhom biex iressqu l-ilment f'ismu, biex jeżerċitaw id-drittijiet imsemmija fl-Artikoli 77, 78 u 79 f'ismu u biex jeżerċitaw id-dritt li jirċievu kumpens imsemmi fl-Artikolu 78 f'ismu fejn previst mil-liġi tal-Istat Membru.
2. L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li kwalunkwe korp, organizzazzjoni jew assoċjazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, indipendentement minn mandat ta' suġġett tad-data, jkollhom id-dritt li jressqu, f'dak l-Istat Membru, ilment quddiem l-awtorità superviżorja li hija kompetenti skont l-Artikolu 77 u li jeżerċitaw id-drittijiet imsemmija fl-Artikoli 78 u 79 jekk huma jqisu li jkunu nkisru d-drittijiet ta' suġġett tad-data taħt dan ir-Regolament b'riżultat tal-ipproċessar.
whereas
dal 2004 diritto e informatica